Latino Arab Sensation Night at Portomaso

Programm Specjali Festa Madonna tas-Sacro Cuor mill-Banda Cittadina Sliema

It-Tnejn 25 ta' Ġunju li għadda fil-Knisja Parrokkjali Madonna tas-Sacro Cuor f'Tas-Sliema s-Soċjeta' Filarmonika "Sliema" flimkien mal-Patrijiet Franġiskani, il-Kummissjoni Festi tal-Parroċċa u l-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema ppreżentat Programm Vokali u Mużikali fl-okkażjoni tal-Festa Madonna tas-Sacro Cuor kif ukoll bħala parti miċ-ċelebazzjonijiet tal-100 sena mit-twaqqif tal-istess parroċċa. Il-programm ġie mtella' mill-Banda Ċittadina "Sliema" taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Lesley Tabone bis-sehem tal-kantanta Tezara Camilleri , il-baritonu Ivan Vella, it-tenur Mark Mifsud u l-Kor Parrokkjali mmexxi mill-Gwardjan Rev Patri Pawl Galea ofm.

Il-Programm fetaħ bl-esekuzzjoni ta' "Approaching New Horizon" miktuba għall-Banda Sliema f'għeluq it-80 sena tagħha mill-mibki Mro Ronnie Debattista li kien ukoll Surmast Direttur ta' din il-banda u li ħalliena lejn tmiem is-sena l-oħra.




Tezara Camilleri kantat l-"Ave Maria" ta' Beyonce' fuq arranġament ta' Joe Brown u s-silta "Hallelujah" mill-film "Shrek" fuq arranġament ta' Mro Lesley Tabone.

Mark Mifsud kanta s-silta "Agnus Dei" mill-"Arlesienne" ta' George Bizet.

Fl-aħħar ġie esegwit il-mistenni "Innu Kbir lis-Sultana Tagħna tal-Qalb ta' Ġesu'" ta' Mro Ferdinando Camilleri u veri tal-Profs Luigi Billion bis-sehem tat-tenur Mark Mifsud, il-baritonu Ivan Vella u l-Kor Parrokkjali.

Wara l-programm saru interventi mill-Gwardjan Rev Patri Pawl Galea ofm u mill-President tas-Soċjeta' Filarmonika "Sliema" s-Sur Jesmond Vella  mill-President tal-Kummissjoni Festi s-Sur Brian Vigar kif ukoll ingħataw rigali fosthom Standard lis-Soċjeta' minngħand il-President Sur Jonathan Grima u Kumitat tal-Filarmonica Nazionale "La Valette" bħala tiġdid tal-ħbiberija antika bejn iż-żewġ soċjetajiet fejn kienu propjament partitarji tal-Filarmonica "La Valette" li lura fis-sena 1923 waqqfu s-Soċjeta' Filarmonika "Sliema".

Ingħataw ukoll donazzjonijiet kif ukoll tifkiriet mill-President tal-Kummissjoni Festi lill-fundaturi tal-Kummissjoni Festi li din is-sena qegħda wkoll tagħlaq il-25 sena mit-twaqqif tagħha.

Il-President is-Sur Jesmond Vella rringrazzja wkoll lis-Surmast Direttur Mro Lesley Tabone u l-Kummissjoni Banda tax-xogħol li tagħmel il-banda matul is-sena biex ukoll jittellaw programmi ta' dan it-tip.

Il-programm ġie fit tmiemu bl-Innu Popolari "Viva Dejjem" ta' Domenico Quercetti u l-Inno "Sliema" ta' Cardenio Botti.

Il-programm ġie ppreżentat mis-Sinjura Antoinette Falzon u mis-Sur Mario Fenech.

Comments